Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti huwa ddedikat għall-konservazzjoni u t-titjib tas-saħħa u l-propogazzjoni ta’ pjanti indiġeni, fosthom siġar tal-frott, u għaldaqstant huwa istituzzjoni kruċjali fi ħdan il-qafas agrikolu Malti. L-għan tad-Direttorat hu li jipprevjeni l-introduzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ pesti, mard u ħsara fuq il-pjanti u jissalvagwardja l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi lokali għall-ikel u l-agrikoltura.

Id-Direttorat, li ngħata l-Quality Label għas-servizzi tiegħu, huwa mqassam f’diversi sezzjonijiet. It-Taqsima tal-Monitoraġġ u Kontroll hi responsabbli mir-regolamenti tal-importazzjoni u tas-suq lokali, tagħmel spezzjonijiet u tieħu kampjuni biex tissorvelja l-pjanti mill-mard.

It-Taqsima tal-Politika u l-Ippjanar u t-Taqsima tal-Affarijiet Internazzjonali, jikkollaboraw ma’ diversi korpi regolatorji bħall-EFSA, l-UPPE u l-IPPC biex jissorveljaw il-leġiżlazzjoni u l-politika fuq livelli nazzjonali, Ewropew u internazzjonali. Il-ġestjoni kummerċjali u l-amministrazzjoni tad-Direttorat, inkluż il-Customer Care u l-Quality Label, jaqgħu taħt il-kompetenza tat-Taqsima tal-Amministrazzjoni.

Fil-qalba tad-Direttorat hemm il-laboratorju dijanjostiku li jipprovdi analiżi għall-mard li jaffettwa l-pjanti, kif ukoll materjal ieħor tal-pjanti. Is-servizz ikopri ħames oqsma ewlenin fosthom l-analiżi għall-batterji, viruses, moffa, nematodi u insetti. Il-laboratorju jservi bħala ċentru ta’ referenza għall-ittestjar dijanjostiku tal-pesti tal-pjanti fis-settur agrikolu lokali.

Fi ħdan id-Direttorat hemm is-sezzjoni tal-Konservazzjoni ta’ Riżorsi Ġenetiċi, li tassumi r-responsabbiltà tal-konservazzjoni ta’ pjanti selvaġġi u agrikoli. Dan isir permezz ta’ diversi inizjattivi li jsiru matul is-sena. Din it-taqsima hi magħmula minn diversi faċilitajiet, bħal-laboratorju tal-micro-propogation, greenhouse, shade-house u screenhouse, fejn pjanti li jkunu ħarġu mil-laboratorju jkomplu jikbru. Din is-sezzjoni għandha wkoll Ġnien il-Pjanti Maltin, bil-għan li juri diversi abitati naturali lokali.

Id-Direttorat stabbilixxa wkoll l-ewwel Bank tal-Ġeni f’Malta, bil-għan li jsaħħaħ l-isforzi ta’ konservazzjoni tal-pajjiż u jilqa’ fih pjanti li jgħixu fit-tul u anke jagħmilha ta’ repożitorju għall-ġenetika tal-pjanti Maltin.

Tista’ tidħol fis-sit elettroniku tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti billi tagħfas hawnhekk.