Il-Vitikultura u l-Enoloġija

Grape close up

Is-settur tal-inbid jirrappreżenta segment konsiderevoli tal-agrikoltura f’Malta. Bħalissa, is-superfiċje bid-dwieli f’Malta tikkonsisti f’madwar 430 ettaru, fejn kważi dawn id-dwieli kollha qed jiġu kkultivati għall-produzzjoni tal-inbid. L-għadd ta’ bdiewa li jikkultivaw id-dwieli fil-Gżejjer Maltin huwa ta’ aktar minn 900 bidwi.

Hemm ukoll 18-il produttur tal-inbid liċenzjat: 14 f’Malta u 5 f’Għawdex. Tnax minn dawn il-fabbriki tal-inbid jipproduċu nbejjed b’Indikazzjoni Ġeografika, inbejjed magħrufa wkoll bħala nbejjed ta’ Kwalità.

Id-Direttorat tal-Agrikoltura huwa l-awtorità kompetenti għall-kultivazzjoni tad-dwieli, il-prattiki tal-produzzjoni tal-inbid u l-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed.

Mill-aspett vitikulturali, ir-rwol ewlieni tad-direttorat huwa li jżomm reġistru dettaljat tad-dwieli kollha f’Malta u Għawdex, fejn din id-data hija vverifikata permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post fid-dwieli. Il-produzzjoni ta’ nbejjed kummerċjali tista’ ssir biss minn għeneb prodott fid-dwieli rreġistrati.

Bil-poteri mogħtija permezz tal-Att dwar l-Inbid, id-Direttorat kull sena joħroġ ukoll il-liċenzji għall-fabbriki tal-inbid b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa. Permezz tal-Att dwar l-Inbid, id-Direttorat jista’ wkoll jiċċertifika l-inbejjed ta’ kwalità u jwettaq kontrolli fis-suq rigward it-tikkettar tal-inbejjed u rekwiżiti oħra tal-inbejjed ta’ kwalità biex jiżgura aderenza sħiħa mar-regolamenti lokali u tal-UE tal-inbejjed.


Inbejjed ta’ kwalità

Ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar l-inbejjed jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi għall-inbejjed tal-mejda biex ikunu kkummerċjalizzati bħala tali. L-inbejjed tal-mejda m’għandhomx rabta ma’ territorju partikolari.

Min-naħa l-oħra, inbejjed b’Indikazzjoni Ġeografika (DOP jew IĠP) għandhom rabta diretta mat-territorju tal-produzzjoni u permezz ta’ regoli tal-produzzjoni aktar stretti, il-kwalità tal-inbid tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti għal inbid tal-mejda.

Malta għandha tliet inbejjed IĠ: IĠT ‘Maltese Islands’, DOK ‘Malta’ u DOK ‘Gozo’. L-IĠT ‘Maltese Islands’ huwa nbid prodott minn għeneb ikkultivat fil-gżejjer u għandu protokoll tal-produzzjoni li jillimita r-rendiment tal-għeneb għal kull ettaru biex tinkiseb kwalità ogħla mill-inbejjed tal-mejda.
DOK ‘Malta’ u DOK ‘Gozo’ huma nbejjed li jiksbu kwalità ferm ogħla mill-inbejjed IĠT permezz ta’ rendimenti aktar stretti għal kull ettaru, metodi ta’ kultivazzjoni u l-użu tal-varjetajiet tal-għeneb l-aktar adatti. L-għeneb għal tali nbejjed iridu jkunu prodotti esklussivament f’Malta u f’Għawdex rispettivament.


Ċertifikazzjoni

L-inbejjed li qed jiġu kkummerċjalizzati bħala DOK jew IĠT iridu jkunu iċċertifikati hekk wara proċess rigoruż li jitwettaq mid-Direttorat. Id-Direttorat isegwi l-proċess sħiħ tal-produzzjoni tal-inbid mill-bidu nett billi jevalwa l-produzzjoni u jiżgura li l-għeneb huma adatti għall-produzzjoni ta’ dawn l-inbejjed.

Meta l-inbid ikun lest, id-Direttorat jiġbor kampjuni tal-inbejjed DOK u IĠT u jibgħathom lil laboratorju barrani akkreditat għall-analiżi; dan sabiex jiġi żgurat li huma konformi mal-istandard rispettiv tagħhom. Barra dan, l-inbejjed DOK jeħtieġu wkoll li jiġu sottomessi quddiem panel ta’ assaġġaturi professjonali għall-evalwazzjoni tagħhom qabel ma jiġu ċċertifikati hekk.

Apparti mid-denominazzjonijiet miktubin fuq it-tikketti rispettivi tagħhom, l-inbejjed DOK ‘Malta’ u DOK ‘Gozo’ għandhom pergamena safra ċara, filwaqt li l-inbejjed IĠT ‘Maltese Islands’ għandhom pergamena ħadra biex ikunu jistgħu jingħarfu faċilment mill-inbejjed tal-mejda li m’għandhomx dawn il-pergameni sofor u ħodor u li minflok għandhom timbru tad-dazju roża fil-forma ta’ pergamena jew timbru ċirkolari żgħir imwaħħal mal-flixkun.


Informazzjoni Addizzjonali:


Leġiżlazzjonijiet u Regolamenti

Att dwar l-Inbid, 2001 (KAP 436)
Leġiżlazzjoni Sussidjarja 436.02 – Regolamenti dwar l-Inbid
Leġiżlazzjoni Sussidjarja 436.03 – Regolamenti dwar il-Klassifikazzjoni tal-Varjetajiet tad-Dwieli għall-Produzzjoni ta’ Għeneb għall-Għasir
Leġiżlazzjoni Sussidjarja 436.04 – Regolamenti dwar id-Dikjarazzjoni tal-Ħażniet ta’ Inbid u Prodotti tal-Vitivinikultura
Leġiżlazzjoni Sussidjarja 436.05 – Regolamenti dwar id-Denominazzjoni tal-Oriġini u ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi
Leġiżlazzjoni Sussidjarja 436.06 – Protokolli dwar il-Produzzjoni ta’ Nbejjed
Leġiżlazzjoni Sussidjarja 436.07 – Protokolli ta’ Produzzjoni tal-Inbid D.O.K


Għal formoli tal-applikazzjoni rilevanti u folji ta’ tagħrif, jekk jogħġbok ikklikkja hawn taħt:


Varjazzjoni tal-Potenzjal tal-Inbid MT

Dikjarazzjoni tal-Produzzjoni tal-Inbid u/jew tal-Most MT

Applikazzjoni għal Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata MT

Dikjarazzjoni ta’ Ħażniet tal-Inbid u/jew tal-Most MT

Dikjarazzjoni tal-Ħsad tal-Għeneb Annwali MT

Agrikultura MT


Biex tibgħat il-feedback tiegħek jew kwalunkwe kumment, jekk jogħġbok Ikklikkja Hawn