Il-Bank Nazzjonali tal-Ġeni ta’ Malta twaqqaf fl-2024 bl-għan li jippreserva u jsaħħaħ il-wirt ġenetiku tal-pajjiż għal ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Fil-qalba tal-impenn ta’ Malta biex issalva l-bijodiversità agrikola, il-Bank Nazzjonali tal-Ġeni għandu dawn ir-responsabbiltajiet:
• Konservazzjoni fit-Tul: Naħżnu żrieragħ, materjal riproduttiv tal-pjanti (PRM), u kampjuni tal-erbarju biex niżguraw li d-diversità tal-uċuħ f’Malta tinżamm għal snin twal.
• Karatterizzazzjoni tal-Pjanti: Billi nistudjaw il-karatteristiċi fiżiċi u l-kompożizzjoni ġenetika tal-kollezzjonijiet tagħna, inkluż it-tqegħid ta’ rekords ta’ marki ġenetiċi u komponenti bijokimiċi, ngħinu nidentifikaw u nifhmu l-kwalitajiet uniċi li jinsabu fil-varjetajiet lokali u tradizzjonali.
• Provvista ta’ Materjal għall-Innovazzjoni: Nipprovdu kampjuni lill-riċerkaturi, breeders, u lill-konservazzjonisti biex nappoġġjaw proġetti li jvarjaw mit-titjib tal-uċuħ sal-irkupru tal-ħabitats.
Il-kollezzjonijiet diversi preżenti fil-Bank Nazzjonali tal-Ġeni huma kruċjali għal rżvilupp sostenibbli u jgħinu lill-uċuħ jadattaw għall-pesti, għall-mard, u għall-bidla fil-klima. Peress li 75% tad-diversità globali tal-uċuħ intilfet fis-seklu li għadda, il-konservazzjoni ta’ varjetajiet indiġeni bħaż-żebbuġ Bidni u l-Ġellewża tippreserva l-wirt agrikolu ta’ Malta. Il-pjanti reżistenti għan-nixfa f’Malta joffru wkoll karatteristiċi ta’ valur għall-agrikoltura globali.
Bħala membru fit-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (ITPGRFA), il-Kummissjoni dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi għall-Ikel u l-Agrikoltura (CGRFA) u l-korpi tematiċi tagħha, u l-Programm Kooperattiv Ewropew għar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti (ECPGR), il-Bank Nazzjonali tal-Ġeni ta’ Malta għandu rwol essenzjali fil-ħarsien tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti Mediterranji. Dan permezz tal-istudju tagħhom biex jinkixfu l-valuri attwali jew il-potenzjali tagħhom, kif ukoll billi jagħmilhom disponibbli għall-dawk li jkattru l-pjanti, għall-bdiewa, u għar-riċerkaturi biex jappoġġjaw it-titjib tal-uċuħ u jippromwovu d-diversità ġenetika.
L-istabbiliment ta’ Bank Nazzjonali tal-Ġeni għall-konservazzjoni ta’ pjanti indiġeni u endemiċi kien sostnut finanzjarjament permezz tal-EAFRD u l-implimentazzjoni tas-Sub-Miżura 10.2 tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali għal Malta għall-perjodu 2014–2020. Aktar informazzjoni dwar dan il-proġett tista’ tinkiseb billi taraw dan il-filmat qasir.
Xi wħud mill-għanijiet ta’ dan il-proġett jinkludu:
• Stabbiliment ta’ kmamar bi klima kontrollata għall-konservazzjoni ex situ għal żmien qasir u medju/twil ta’ żrieragħ tal-pjanti, u għall-ħażna ta’ erbarji tal-pjanti li għandhom jiġu marbuta ma’ kull kollezzjoni ta’ germplasm maħżuna.
• Stabbiliment ta’ laboratorju molekulari għall-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-germplasm miġbur.
• Servizzi għas-sekwenzar tal-germplasm maħżun fil-bank tal-ġeni biex jitmexxa ‘l quddiem eżerċizzju fuq skala kbira ta’ dokumentazzjoni tal-germplasm ta’ Malta għall-iskop ta’ valorizzazzjoni, riċerka u żvilupp.
• Sekwenzar tal-ġenoma sħiħ ta’ żewġ pjanti endemiċi Maltin li huma pollinaturi: Cheirolophus crassifolius u Anthyllis hermanniae subsp. melitensis.
Id-Direttorat għas-Servizzi ta’ Riċerka u Konsulenza (RASD) nieda kampanja ta’ informazzjoni fl-2025 bl-isem GENE. L-għan tal-kampanja hu li tinforma lill-pubbliku dwar il-konservazzjoni fl-agrikoltura, tippromwovi l-kooperazzjoni, u tikkomunika l-pjanijiet relatati mal-istabbiliment ta’ bank nazzjonali tal-ġeni u r-rwol tal-laboratorju tat-tessuti tal-pjanti fil-konservazzjoni ta’ pjanti ta’ importanza agrikola. Fit-tieni fażi tagħha, il-kampanja se jkollha wkoll involviment dirett mal-bdiewa u ma’ dawk li għandhom interess fl-agrikoltura biex jiġu identifikati landraces li jistgħu jiġu inklużi fil-kollezzjonijiet tal-bank nazzjonali tal-ġeni.
Imwaqqaf fil-bidu tad-disgħinijiet, il-Laboratorju tal-Bijoteknoloġija tal-Pjanti (magħruf bħala l-Laboratorju tat-Tessuti tal-Pjanti) twaqqaf inizjalment biex jipprovdi kloni sterili ta’ pjanti għall-użu agrikolu madwar Malta. Din it-teknika avvanzata toffri diversi vantaġġi ewlenin:
• Produzzjoni ta’ pjanti ħielsa mill-mard u ġenetikament identiċi, li tiżgura stokk ta’ kwalità għolja u affidabbli.
• Multiplikazzjoni rapida tal-materjal tal-pjanti, b’potenzjal li jiġu ġenerati eluf ta’ pjanti minn kampjun wieħed.
• Konservazzjoni ta’ speċi li ma jistgħux jinżammu b’mod effettiv permezz ta’ żrieragħ, b’mod partikolari dawk li jitrawwmu bi propagazzjoni veġetattiva bħal żebbuġ u ċitru.
Minn meta twaqqaf, il-laboratorju appoġġja l-produzzjoni ta’ siġar tal-frott bħall-GF677 u l-Myrobalan29C, u b’hekk saħħaħ ir-reżiljenza tal-ġonna lokali. F’dawn l-aħħar snin kien ukoll kruċjali fl-irkupru tal-popolazzjonijiet lokali tal-masġar aħmar u abjad wara attakki ta’ pesti, kif ukoll fil-propagazzjoni ta’ speċi pollinaturi fil-periklu bħall-Cheirolophus crassifolius u l-Anthyllis hermanniae.
Bl-istabbiliment tal-Bank Nazzjonali tal-Ġeni, ir-responsabbiltajiet tal-laboratorju espandew lil hinn mill-produzzjoni ta’ kloni ħielsa mill-viruses skont ir-regolamenti tal-UE. Illum, mhux biss jipprovdi kampjuni tat-tessuti tal-pjanti lill-Bank Nazzjonali tal-Ġeni għall-ħażna fit-tul ta’ landraces klonali f’nitroġenu likwidu, iżda wkoll iwettaq riċerka biex jiżviluppa u jtejjeb il-protokolli ta’ propagazzjoni. Dawn il-protokolli huma vitali għal sforzi ta’ riġenerazzjoni u għall-konservazzjoni ta’ popolazzjonijiet sensittivi ta’ pjanti ta’ importanza diretta jew indiretta għall-agrikoltura.
Il-Laboratorju ta’ Analiżi Agrikola, li jinsab fil-Hub tal-Agrikoltura għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Għammieri (il-Marsa), twaqqaf aktar minn 40 sena ilu biex joffri servizz għall-komunità tal-bdiewa. Fl-2020-2021, il-laboratorju ġie ristrutturat sabiex itejjeb is-servizz li kien qed jiġi pprovdut minħabba d-domanda dejjem tikber għall-ittestjar tal-ħamrija u tal-ilma tat-tisqija.
Il-biċċa l-kbira tal-kampjuni tal-ħamrija jiġu ttestjati minħabba l-obbligi tal-iskemi tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-Miżura għall-Implimentazzjoni tal-Pjan għall-Immaniġġjar u l-Konservazzjoni tal-Ħamrija (AECC5), li tinvolvi l-ittestjar tal-materja organika fil-ħamrija. Minbarra dan, it-testijiet jitwettqu wkoll biex jiġi determinat l-NPK fil-ħamrija, u r-riżultati ta’ dawn jintużaw mill-bdiewa għall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti, skont il-pjan għall-fertilizzanti. Dan il-pjan huwa obbligu legali maħsub biex jipprevjeni l-applikazzjoni żejda ta’ fertilizzanti, u għaldaqstant l-ilma ta’ taħt l-art ikun protett mit-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli. Barra dan, tali prassi tajba tgħin lill-bdiewa biex b’mod adegwat jippjanaw u japplikaw il-fertilizzanti b’benefiċċji ekonomiċi.
Il-Laboratorju ta’ Analiżi Agrikola qed jinvesti b’mod kostanti f’tagħmir ġdid biex iżid il-kapaċità tal-ittestjar tiegħu u biex kontinwament itejjeb is-servizz li qed jiġi pprovdut lill-komunità tal-biedja. Għaldaqstant, permezz ta’ dan il-laboratorju ristrutturat, id-Direttorat għas-Servizzi ta’ Riċerka u Konsulenza se jkompli jgħin lill-bdiewa jiffaċċjaw l-isfidi tal-produzzjoni sabiex jipproduċu prodotti ta’ kwalità, kif ukoll biex ikunu konformi mal-obbligi ambjentali.
It-testijiet tal-ħamrija li jitwettqu bħalissa fil-Laboratorju għas-Servizzi Agrikoli jinkludu:-
• pH
• Konduttività elettrika
• Sodju (li jinħall)
• Klorur (li jinħall)
• Nitroġenu Kjeldahl totali
• Nitrat-N
• Potassju (li jinħall)
• Fosforu, Olsen (disponibbli)
• Tira / Materja Niexfa
• Karbonju Organiku (Walkley u Black)
• Materja Organika (Telf mit-tqabbid bin-nar)
• pH
• Konduttività elettrika
• Sodju
• Klorur
• Nitrat-N
• Potassju
• Fosforu, Olsen (ortofosfat)
Dan il-greenhouse modern huwa kkontrollat b’kompjuter li nbena permezz ta’ għajnuna finanzjarja mill-IV Protokoll Finanzjarju Taljan. Għandu erja totali ta’ 910 m². Il-ventijiet jinfetħu u jingħalqu skont it-temperatura u l-kundizzjonijiet klimatiċi meħtieġa. Il-kompjuter jirregola wkoll il-funzjonament tas-sistema tat-tkessiħ (chiller) u tal-bojler sabiex tinżamm it-temperatura mixtieqa. Il-faċilità għandha sistemi ta’ tixkija kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra biex tiġi kkontrollata l-intensità tad-dawl.
Lejn iċ-ċentru tal-bini ġewwa Ħal-Lija hemm shade house b’erja totali ta’ 600 m² li tintuża għall-aħħar stadju tal-akklimatizzazzjoni. Wara li l-pjanti jiġu akklimatizzati fil-greenhouse, jiġu trasferiti f’dan ix-shade house biex jissaħħu qabel ma jiġu mċaqalqa għall-ambjent miftuħ.
L-iscreen houses, li għandhom erja totali ta’ 429 m², jintużaw għall-konservazzjoni ta’ mother stocks sabiex tiġi evitata infezzjoni minn pesti u mard. Dawn huma magħmula minn strutturi ta’ greenhouse miksija b’saff doppju ta’ malja biex tiġi evitata kull invażjoni ta’ insetti.