IL-MISSJONI TAGHNA

DIPARTIMENT TAL-AFFARIJIET RURALI

Il-missjoni tad-Dipartiment tal-Affarijiet Rurali hija li jipprovdi servizzi ta’ kwalità kif ukoll appoġġ lill-komunità tal-biedja lokali, filwaqt li jippromwovi wkoll l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura f’Malta. Dan jista’ jitwettaq billi jkun hemm inkoraġġiment sabiex is-settur agrikolu jkun b’saħħtu u kompetittiv, li jirrispetta l-istandards ambjentali u ta’ produzzjoni waqt li jiżgura livell ta’ għajxien tajjeb għall-komunità agrikola.

Id-Dipartiment tal-Affarijiet Rurali huwa magħmul minn żewġ Direttorati interkonnessi: id-Direttorat tal-Agrikolutura u d-Direttorat għas-Servizzi ta’ Riċerka u Konsulenza. Id-Direttorat tal-Agrikoltura jaħdem lejn l-iżvilupp tal-politika u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE fis-settur. Id-Direttorat jaħdem ukoll fuq programmi edukattivi, promozzjoni u tixrid ta’ informazzjoni biex jiżdied l-għarfien.

Min-naħa l-oħra, id- Direttorat għas-Servizzi ta’ Riċerka u Konsulenza għandu l-għan li jgħin u jappoġġja lill-bdiewa lokali filwaqt li jiżgura wkoll il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi lokali. Id-Direttorat jimpenja wkoll ruħu fuq proġetti ta’ riċerka biex ikompli jtejjeb il-prattiċi agrikoli u jiżgura li huma aktar effiċjenti u sostenibbli għall-ambjent.

Kemm id-Direttorat tal-Agrikoltura kif ukoll id- Direttorat għas-Servizzi ta’ Riċerka u Konsulenza qed jaħdmu fuq proġetti kruċjali li permezz tagħhom ifittxu mhux biss li jikkonservaw, iżda wkoll jagħtu spinta lis-settur tal-agrikoltura lokali.