It-tliet pilastri ewlenin tad-Direttorat tal-Agrikoltura huma l-AgriHub, l-AgriConnect u l-AgriKwalità. Id-Direttorat għandu approċċ olistiku għas-settur agrikolu lokali abbażi ta’ dawn il-pilastri.

Permezz tal-AgriHub, id-Direttorat għandu l-mira li jibqa’ aġġornat dwar ir-riċerka u l-avvanzi teknoloġiċi l-aktar riċenti filwaqt li jagħti valur lill-biedja Maltija u l-prodotti speċjalizzati tagħha, u għaldaqstant jibqa’ kompetittiv f’dan is-settur li qed jevolvi kontinwament. Ir-riċerka tal-AgriHub hija ffukata fuq il-prodotti agrikoli ewlenin tal-Gżejjer Maltin u r-riżultati miksuba jintbagħtu lill-partijiet interessati permezz ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni organizzati li jsiru mid-Direttorat. Il-pubbliku ġenerali wkoll jinżamm infurmat dwar il-proġetti li qed jitwettqu permezz tal-media soċjali u media oħra.

Il-bdiewa u l-partijiet interessati għandhom il-faċilità li jżuru wieħed mill-Uffiċċji tal-AgriConnect li jinsabu f’Ħaż-Żabbar, fil-Mellieħa u f’Ta’ Qali. Huma jistgħu jużaw ukoll is-servizzi offruti bħat-tfassil ta’ pjanijiet għall-immaniġġjar tal-azjendi, il-kampjunar tal-ħamrija, gwida dwar il-konformità tal-azjendi u l-immaniġġjar ta’ skemi li jkunu għaddejjin. L-AgriConnect iservi wkoll bħala pont bejn il-bdiewa u l-AgriHub biex jiżgura li jingħata l-aħjar parir tekniku għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-bdiewa.

L-Unità tar-Riżorsi tad-Direttorat twettaq spezzjonijiet tal-bdiewa u l-agriproċessuri biex tiġi żgurata l-konformità mar-regolamenti lokali u tal-UE. L-ispezzjonijiet, li jaqgħu fi ħdan il-mandat tal-AgriKwalità, jiggarantixxu li l-prodotti agrikoli/prodotti lokali, ipproċessati għaċ-ċertifikazzjoni tal-marka tal-kwalità, ikollhom l-ogħla kwalità, iħarsu l-ambjent u jiżguraw prattiki tal-biedja sostenibbli.