IL-MISSJONI TAGHNA

DIPARTIMENT TAL-AFFARIJIET RURALI

Il-missjoni tad-Dipartiment tal-Affarijiet Rurali hija li jipprovdi servizzi ta’ kwalità kif ukoll appoġġ lill-komunità tal-biedja lokali, filwaqt li jippromwovi wkoll l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura f’Malta. Dan jista’ jitwettaq billi jkun hemm inkoraġġiment sabiex is-settur agrikolu jkun b’saħħtu u kompetittiv, li jirrispetta l-istandards ambjentali u ta’ produzzjoni waqt li jiżgura livell ta’ għajxien tajjeb għall-komunità agrikola.

Id-Dipartiment tal-Affarijiet Rurali huwa magħmul minn żewġ Direttorati interkonnessi: id-Direttorat tal-Agrikolutura u d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Pjanti. Id-Direttorat tal-Agrikoltura huwa multidimensjonali fejn minn lat ifittex li jassisti u jagħti appoġġ lill-bdiewa lokali, u mil-lat l-ieħor jaħdem lejn l-iżvilupp tal-politika u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE fis-settur. Dawn iż-żewġ aspetti jiżguraw li s-settur agrikolu f’Malta jipproduċi prodotti friski tal-ogħla kwalità, filwaqt li jipproteġi wkoll l-ambjent rurali.

Min-naħa l-oħra, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti jaħdem bħala regolatur biex jipprevjeni l-introduzzjoni u t-tixrid ta’ pesti u mard li jistgħu jagħmlu l-ħsara lill-pjanti. Regolamenti bħal dawn jissalvagwardjaw il-produzzjoni lokali ta’ żrieragħ u materjal ieħor li jintuża għar-riproduzzjoni tal-pjanti, u jassigura li jkunu b’saħħithom u ta’ kwalità għolja. Fl-istess waqt jiżguraw ukoll il-ħarsien u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi ġenetiċi lokali.

Kemm id-Direttorat tal-Agrikoltura kif ukoll id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Pjanti qed jaħdmu fuq proġetti kruċjali li permezz tagħhom ifittxu mhux biss li jikkonservaw, iżda wkoll jagħtu spinta lis-settur tal-agrikoltura lokali.