FAQs dwar ir-Regolamenti tal-Protezzjoni tal-Art Agrikola.

Q: Lil min għandi nikkuntattja għal aktar informazzjoni jew għajnuna?
A: Għal kwalunkwe mistoqsija jew għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq [email protected] jew ċempel fuq 23397777.

Q: X’inhu r-Regolament tal-2025 dwar il-Protezzjoni tal-Art Agrikola?
A: Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri u proċessi li jissalvagwardjaw l-art agrikola mid-danni, jippromwovu l-vijabbiltà agronomika, u jiżguraw li l-art agrikola tinżamm bix-xieraq għal skopijiet agrikoli.

Q: Meta se jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti?
A: Dawn ir-regolamenti se jidħlu fis-seħħ fl-28 ta’ Settembru. Madankollu, ir-Regolament 9 se jidħol fis-seħħ fi żmien sena mill-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti. Ir-Regolament 9 jindirizza speċifikament l-azzjonijiet ta’ infurzar relatat man-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-art agrikola.

Q: Fejn huma applikabbli dawn ir-regolamenti?
A: Dawn ir-regolamenti huma applikabbli biss għal art agrikola barra mil-limiti ta’ konfini ta’ żona ta’ żvilupp skont il-liġijiet, pjanijiet, u policies tal-ippjanar tal-iżvilupp.

Q. X’ jikkwalifika bħala art agrikola?
A:Art li ssostni attività agrikola inkluż it-tkabbir ta’ ħxejjex u frott tal-ikel, fjuri, siġar u dwieli, inkluż wkoll serer, clotches u cold frames tikkwalifika bħala art agrikola.

Q. Nista’ nħawwel siġar li mhux tal-frott?
A: Iva, siġar li m’humiex tal-frott jistgħu jitħawlu bħala parti minn tkabbir ta’ agroforestrija, fejn ikun hemm taħlita ta’ siġar tal-frott u siġar indiġeni Maltin. It-tħawwil tas-siġar huwa irregolat b’ liġijiet oħra.

Q: X ’jista’ jsir u x ’ma jistax isir fuq art agrikola?
A: Tista ssir kwalunkwe attivita oħra basta ma taffettwax l-attivitajiet agrikoli jew tikkawża degradazzjoni ambjentali.

Q: Nista’ nuża l-art agrikola tiegħi għal skop ta’ rikreazzjoni?
A: Iva, art agrikola tista’ tintuża għal attivitajiet rikreattivi sakemm ma timpattax jew ma tippermettix li titwettaq attività agrikola, Eżempju, tista tagħmel picnic jew BBQ fil-ġenb tal-għalqa, qalb is-siġar, jew meta l-art tkun mistrieħa.

Q: Nista’ nikkaċċja fl-għelieqi tiegħi?
A: Iva, għalkemm il-kaċċa u l-insib m’humiex attivitajiet agrikoli, dawn jistgħu jiġu prattikati sakemm ma jostakolawx l-attività agrikola.

Q: Jista’ jkolli mansab fl-għelieqi tiegħi?
A: Iva, mansab huwa meqjus bħala struttura temporanja li jitpoġġa għall-perjodu qasir u għalhekk ma jtellifx l-attività agrikola minima li tista’ titwettaq fil-kumplament tas-sena. Tajjeb li wieħed jiżgura li għandu l-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti.

Q: Jien xtrajt biċċa art agrikola u m’għandix interess li nipproduċi prodotti agrikoli, se nkun qed nikser il-liġi?
A: Le, il-liġi tobbliga li l-art tinżamm fi stat tajjeb għall-kultivazzjoni u tinħarat mill-inqas darba fis-sena. Barra minn hekk l-art agrikola tista’ titħawwel bi speċi ta’ pjanti selvaġġi bħala parti minn miżuri agroambjentali.

Q: Il-pjan tal-għelejjel jew ta’ kultivazzjoni (crop plan) irid jiġi sottomess anke jekk jien mhux se nkabbar prodotti tal-ikel, imma se nwettaq l-attività minima?
A: Le, il-pjan tal-uċuħ irid jiġi sottomess biss jekk se jitkabbru prodotti agrikoli, inkluż siġar tal-frott. M’ intix obligat li tissottometti pjan tal-uċuħ jekk se tkabbar prodotti għal kunsum personali u ma tużax fertiliżżanti skond il-liġi sussidjarja 549.66 – Regolamenti tal-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati.

Q: Għandi għalqa f’ irdum li hu diffiċli li naħdimha, se nkun meqjus li qed nikser il-liġi?
A: Il-liġi tipprovdi għal eżenzjonijiet, fejn id-Direttur jista’ jeżenta lil kwalunkwe persuna mill-obbligu ta’ twettieq ta’ attività minima.

Q: Għandna nuqqas ta’ qbil bejn l-aħwa, min se jaħdem l-art u min ser jirreġistraha, x’ nista’ nagħmel?
A: F’ dawn il-każijiet, tista’ tintalab eżenzjoni mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni lid-Direttur.

Q: Liema attivitajiet huma projbiti fuq art agrikola?
A: L-attivitajiet li ġejjin huma projbiti:
• It-taħlit tal-ħamrija mal-ġebel jew materjali oħra li jistgħu jiddeterjoraw il-ħamrija.
• Il-kisi tal-ħamrija bil-konkos, ġebel, jew materjali simili.
• Id-depożitu ta’ oġġetti akbar minn żewġ metri kwadri fuq il-ħamrija għal aktar minn tletin jum.
• L-użu ta’ makkinarju tqil jew agrikolu fuq ħamrija li tkun mifqugħa bl-ilma;.
• Ħruq ta’ qasab u fdal tal-ħaxix f’ żoni akbar minn għaxar metri kwadri għal kull tumolo ta’ art, ħlief b’ ordni ta’ awtorità kompetenti.

Q: X’ inhuma l-obbligi tal-bidwi?
A: Il-bdiewa jew id-detenturi ta’ titoli validi għandhom:
• Jirreġistraw art agrikola fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti.
• Jissottomettu pjan tal-uċuħ tar-raba’ li jagħti dettalji dwar l-attivita’ agrikola tagħhom għal sena agrikola waħda jew aktar jekk se jitkabbru prodotti agrikoli.
• Tiżgura li l-art agrikola tkun salvagwardjata minn theddid u danni, u żżomm il-potenzjal naturali tal-produzzjoni tagħha.
• Tmexxi livell minimu ta’ attivita’ agrikola.

Q: X ’jiġri jekk ma tirreġistrax l-art (Regolament 9)?
A: Jekk art agrikola ma tkunx reġistrata taħt xi persuna, jitwaħħal avviż fis-sit tal-art agrikola u jinħareġ avviż tal-Gvern li jordna li kull persuna li jkollha interess f ’dik l-art agrikola tiddikjara u tiddeskrivi dak l-interess fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni. Jekk ma ssirx dikjarazzjoni, Riżorsi Agrikoli Malta tirreġistra l-art agrikola u takkwista pussess temporanju ta’ l-art u jkollha s-setgħa li tallokaha għall-attività agrikola.

Q: Il-Gvern jista jeħodli l-art privata tiegħi?
A: Le, l-ebda art irreġistrata mhu se tittieħed. Il-Gvern jintervjeni biss jekk l-art tkun abbandunata u ma tkun ta’ ħadd, wara li titwaħħal notifika fuq il-post u jkun ippubblikat avviż fil-gazzetta tal-Gvern. L-art tista’ terġa’ lura għand is-sid tagħha jekk jipprovdi evidenza ta’ titlu validu u jirreġistraha.

Q: Hemm bżonn li nerġa ’nirreġistra l-art tiegħi jekk din tkun diġa’ reġistrata mad-Direttorat?
A: Le, m’ għandekx bżonn terġa’ tirreġistra l-art tiegħek jekk din tkun diġa’ reġistrata mad-Direttorat. Ir-reġistrazzjoni eżistenti tibqa’ valida, u inti konformi mar-regolamenti.

Q: X ’jista’ jsir biex art agrikola tirritorna lis-sid ġaladarba tkun ġiet posseduta skont ir-Regolament 9?
A: Jekk titolu validu fuq dik l-art agrikola jiġi ppruvat għas-sodisfazzjon tad-Direttur, l-art tiġi dereġistrata minn Riżorsi Agrikoli Malta fi tmiem is-sena agrikola li fiha t-titolu validu jiġi stabbilit u reġistrat favur id-detentur tat-titolu. Madankollu, din ir-reġistrazzjoni tkun effettiva biss jekk kull multa, miżata jew debitu ieħor skond ir-regolamenti jiġi mħallas mid-detentur tat-titolu u li jobbliga ruħu li jirreġistra l-art u jwettaq attivita agrikola minima skond ir-regolamenti. Barra min hekk, id-detentur għandu dritt għall-ħlas ta’ kwalunkwe ammont miġbur min Riżorsi Agrikoli Malta.

The Department
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.