Il-Hub tal-Agrikoltura għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (AgriHub)

agrihub logo

Il-Hub tal-Agrikoltura għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (AgriHub), fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, jaqdi bħala post fejn ir-riċerkaturi, l-innovaturi u l-bdiewa, kemm Maltin kif ukoll barranin, jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw prattiki agrikoli innovattivi. Iffinanzjat parzjalment mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali (2014-2020), il-proġett inbeda fl-2020. Il-proġett AgriHub jiġbor flimkien bosta entitajiet mad-Direttorat tal-Agrikoltura bħala mexxej tal-proġett b’kollaborazzjoni ma’ tim mill-Malta College of Arts, Science and Technology (MCAST) u bosta xjentisti miċ-Ċentru Internazzjonali għal Studji Agronomiċi Mediterranji Avvanzati, CIHEAM, Bari. Il-kollaborazzjoni bejn riċerkaturi lokali u internazzjonali hija essenzjali biex jinħoloq ambjent ta’ eċċellenza li jgħaqqad in-nies b’ideat ġodda u għarfien ġdid,

Bħala parti minn dan il-proġett, 400 bidwi pparteċipaw fi kwestjonarju tekniku mmexxi minn uffiċjali mid-Direttorat. L-uffiċjali ltaqgħu mal-bdiewa personalment u staqsewhom mistoqsijiet dwar il-prattiki tal-immaniġġjar tal-għelejjel tagħhom, mit-tiżrigħ sal-ħsad. Il-kwestjonarju inkluda mistoqsijiet dwar il-pesti u l-patoġeni li jiltaqgħu magħhom il-bdiewa waqt iċ-ċiklu tat-tkabbir tal-għelejjel. L-objettiv ta’ dan l-istudju kien biex tiġi analizzata d-data miġbura u jiġu żviluppati linji gwida għall-Ġestjoni Integrata tal-Pesti (IPM) biex jgħinu lill-bdiewa fil-ġestjoni sostenibbli tal-għelejjel.

Il-gvern għamel investiment strateġiku f’nases innovattivi mtejba b’mod teknoloġiku disponibbli fis-suq. Dawn in-nases huma mfasslin biex jistandardizzaw il-proċessi tal-monitoraġġ tal-pesti billi jinkorporaw teknoloġiji innovattivi u l-intelliġenza artifiċjali. Imħaddmin bl-enerġija solari, dawn in-nases jużaw il-feromoni biex jaqbdu l-pesti u jipprovdu data tal-għadd ta’ pesti kuljum, biex għaldaqstant tiġi evalwata s-severità tal-popolazzjoni tal-pesti. Barra dan, is-sistema tintegra parametri tad-data rilevanti oħrajn inkluż it-temp u l-kundizzjonijiet tal-ħamrija. Aċċessibbli minn postijiet varji, inklużi l-uffiċċji, din is-sistema tippermetti l-monitoraġġ mill-bogħod,

Id-Direttorat jinsab ukoll fil-proċess li jiżviluppa mudelli kompjuterizzati (Mudelli għall-Previżjoni tal-Pesti) li se jippermettilna nbassru kif ċerti popolazzjonijiet tal-pesti se jiżviluppaw matul l-istaġun tat-tkabbir tal-għelejjel. Il-pesti li qed jiġu studjati għalissa huma Tuta absoluta (susa tat-tadam), Lobesia botrana (susa tad-dwieli), Bactrocera oleae (dubbiena taż-żebbuġ) u Phthorimaea operculella (susa tal-patata). Permezz tal-ġenerazzjoni tal-mudelli tal-previżjoni, id-Direttorat se jkun jista’ jiggwida lill-bdiewa dwar iż-żmien ideali biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jikkontrollaw il-popolazzjonijiet tal-pesti b’mod effettiv u aktar sostenibbli.

L-objettiv ta’ dan il-proġett huwa li jiġu żviluppati u ppubblikati programmi komprensivi għall-ġestjoni integrata tal-pesti (IPM) għal ħames għelejjel ewlenin imkabbrin lokalment: tadam għall-ipproċessar, patata, frawli, żebbuġ u dwieli. Se jitlesta total ta’ 29 linja gwida dwar l-IPM sa meta jiġi konkluż il-proġett, li jipprovdu strateġiji essenzjali għall-kontroll tal-popolazzjonijiet tal-pesti u l-ħarsien tal-għelejjel. S’issa, tmien linji gwida dokumentati ġew ippubblikati, li jinkludu għelejjel bħal dwieli, għeneb tal-inbid u tal-mejda, żebbuġ, patata, tadam kemm tal-mejda u tal-ipproċessar, u frawli. Barra dan, inħarġu verżjonijiet aġġornati tal-linji gwida għall-għeneb tal-inbid u tal-mejda. Il-pubblikazzjoni li jmiss, li dalwaqt titlesta, tiffoka fuq l-għelejjel taċ-ċitru. Dawn il-pubblikazzjonijiet imbagħad jiġu tradotti għall-Malti.

Se tiġi enfasizzata l-implimentazzjoni ta’ prattiki agrikoli sostenibbli, billi jintużaw id-dokumenti dwar l-IPM bħala gwida. Dan se jinvolvi fokus fuq tekniki ta’ biedja ta’ preċiżjoni, inklużi l-IPM u t-tisqija intelliġenti, bil-mira li jinkisbu bosta benefiċċji potenzjali. Dawn il-benefiċċji jinkludu rendimenti akbar tal-għelejjel, tnaqqis fl-ispejjeż u r-rekwiżiti tax-xogħol, u l-ottimizzazzjoni ta’ inputs tal-proċess, li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal profittabbiltà mtejba. Barra dan, il-prattiki ta’ biedja ta’ preċiżjoni jikkontribwixxu għal sigurtà tax-xogħol mtejba u impatti ambjentali mnaqqsa assoċjati mal-agrikoltura, biex għaldaqstant jippromwovu s-sostenibbiltà ġenerali tal-produzzjoni agrikola. Wara l-iżvilupp tal-Mudelli tal-Previżjoni tal-Pesti u l-lott inizjali ta’ dokumenti ta’ linji gwida dwar l-IPM, bdiet il-fażi tal-ittestjar ta’ xi wħud mil-linji gwida tal-IPM, fejn il-bdiewa li jkabbru għelejjel differenti kienu involuti fi provi tal-IPM. Dan kien jikkonsisti fil-kultivazzjoni ta’ tomna art taħt il-linji gwida dwar l-IPM mqabbla ma’ area kbira daqsha kkultivata b’mod konvenzjonali bħala l-grupp ta’ kontroll għall-istudju. Sal-bidu tal-2024, il-provi għat-tadam għall-ipproċessar u l-għeneb ġew finalizzati, filwaqt li l-provi għall-patata u l-frawli għadhom għaddejjin. Il-provi għall-għelejjel taż-żebbuġ se jsiru aktar tard.

Il-kunċett ta’ proġett tas-silaġġ tal-konservazzjoni tal-foraġġ u l-provvista tal-għalf huwa biex jiggarantixxi l-funzjoni produttiva tal-annimali f’perjodu ta’ skarsezza, għal bdiewa fuq skala żgħira li jistgħu jipproduċu silaġġ tajjeb fil-kundizzjonijiet pedoklimatiċi Maltin, b’riżorsi minimi. Dan il-proġett wettaq provi tal-istadji kollha tal-operazzjoni sħiħa għall-produzzjoni tas-silaġġ. L-osservazzjonijiet huma r-riżultat ta’ sentejn u nofs ta’ riċerka għall-produzzjoni tas-silaġġ fil-gżejjer Maltin. Il-proġett kien qed jagħżel u jikkultiva pjanti tal-foraġġ differenti, varjetajiet differenti u ntużaw postijiet differenti tul il-perjodu ta’ riċerka kollu. Paper tar-riċerka komprensiva u fil-fond waslet fl-istadji finali tagħha u dalwaqt se tkun ippubblikata.

Mill-bidu ta’ dan il-proġett, aktar minn 40 bidwi u entità diġà ħadu sehem fil-fażi ta’ monitoraġġ ta’ dan il-proġett. Bħalissa, l-mira hija li jkompli jitwettaq il-monitoraġġ addizzjonali fuq il-pesti kollha msemmija u li jiġu involuti aktar bdiewa u entitajiet biex jgħinu lid-Direttorat jikseb aktar data, li se tirfina l-mudelli li qed jiġu żviluppati.

trap in a field
agrihub banner
person installing traps
strawberries
Co founded by the EU Banner
The Department
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.