L-art agrikola hija aktar minn sempliċiment ħamrija u uċuħ tar-raba’, iżda hija l-pedament tal-wirt, l-ekonomija, u l-ambjent naturali ta’ Malta. Issostni l-għajxien, tagħti nutriment lill-komunitajiet, u tippreserva l-pajsaġġi rurali li jiddefinixxu n-nazzjon tagħna.
L-art agrikola ta’ Malta tinsab taħt pressjoni dejjem akbar mit-tibdil fil-klima, l-urbanizzazzjoni u t-talbiet kompetittivi għal riżorsi limitati.
Biex jissalvagwardja dawn l-ispazji vitali, il-gvern introduċa politika komprensiva u qafas regolatorju biex jiżgura li r-raba’ tagħna jibqgħu produttivi u protetti għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.
Il-White Paper dwar ir-Riforma Agrikola tal-2022
Il-White Paper dwar ir-Riforma Agrikola tal-2022 żviluppat permezz ta’ konsultazzjoni mal-bdiewa, is-sidien tal-art, u l-esperti agrikoli. Din il-white paper stabbiliet il-pedament għal sensiela ta’ miżuri li jippromwovu l-istabbilta’ u l-appoġġ fit-tul għall-partijiet interessati kollha.
Regoli ġodda issa jirregolaw il-kirjiet agrikoli taħt:
• Kapitlu 199 tal-Liġijiet ta’ Malta
• Leġiżlazzjoni sussidjarja 199.02
Dawn l-aġġornamenti għandhom l-għan li jistabbilixxu prezz tas-sit mogħti ġust u jibbilanċjaw id-drittijiet u l-obbligi tas-sidien tal-art u tal-bdiewa inkwilini. L-għan huwa li jiġu salvagwardjati l-kirjiet privati u jiġi promoss settur agrikolu sostenibbli.
Biex tiġi appoġġjata aħjar il-komunita’ tal-biedja ta’ Malta, ġew introdotti r-Regolamenti dwar il-Kategorizzazzjoni tal-Bdiewa L.S.639.10
Din is-sistema strutturata tikklassifika l-azjendi fuq bażi ta’:
• Dħul annwali
• Tip t’attivita’ ( raba, bhejjem, imħalltin)
• Żona kkultivata
• Numru ta’ bhejjem reġistrati
Il-qafas jippermetti politiki u inċentivi mmirati għal dawk li l-għajxien tagħhom jiddependi kompletament fuq l-agrikoltura.
agħfas hawn għal aktar informazzjoni dwar Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-art Agrikola (2025)
L-aħħar regolamenti jibnu fuq il-white paper tal-2022, u jintroduċu politiki ċari biex:
• Tiġi rreġistrata l-art agrikola kollha matul perjodu esklussiv ta’ sitt xhur
• Il-kultivazzjoni attiva ssir obbligu legali
• Tiffaċilita s-sħubija bejn is-sidien tal-art u l-kultivaturi lokali
• Tipproteġi s-saħħa tal-ħamrija billi tirregola r-rimi tal-iskart u tal-kostruzzjoni
Dawn il-miżuri huma mfassla biex jipprevjenu d-degradazzjoni u jtejbu l-ġestjoni tar-riżorsi agrikoli limitati ta’ Malta.
Q: Lil min għandi nikkuntattja għal aktar informazzjoni jew għajnuna?
A: Għal kwalunkwe mistoqsija jew għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq [email protected] jew ċempel fuq 23397777.
Q: X’inhu r-Regolament tal-2025 dwar il-Protezzjoni tal-Art Agrikola?
A: Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri u proċessi li jissalvagwardjaw l-art agrikola mid-danni, jippromwovu l-vijabbiltà agronomika, u jiżguraw li l-art agrikola tinżamm bix-xieraq għal skopijiet agrikoli.
Q: Meta se jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti?
A: Dawn ir-regolamenti se jidħlu fis-seħħ fl-28 ta’ Settembru. Madankollu, ir-Regolament 9 se jidħol fis-seħħ fi żmien sena mill-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti. Ir-Regolament 9 jindirizza speċifikament l-azzjonijiet ta’ infurzar relatat man-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-art agrikola.
Q: Fejn huma applikabbli dawn ir-regolamenti?
A: Dawn ir-regolamenti huma applikabbli biss għal art agrikola barra mil-limiti ta’ konfini ta’ żona ta’ żvilupp skont il-liġijiet, pjanijiet, u policies tal-ippjanar tal-iżvilupp.
Q. X’ jikkwalifika bħala art agrikola?
A:Art li ssostni attività agrikola inkluż it-tkabbir ta’ ħxejjex u frott tal-ikel, fjuri, siġar u dwieli, inkluż wkoll serer, clotches u cold frames tikkwalifika bħala art agrikola.
Q. Nista’ nħawwel siġar li mhux tal-frott?
A: Iva, siġar li m’humiex tal-frott jistgħu jitħawlu bħala parti minn tkabbir ta’ agroforestrija, fejn ikun hemm taħlita ta’ siġar tal-frott u siġar indiġeni Maltin. It-tħawwil tas-siġar huwa irregolat b’ liġijiet oħra.
Q: X ’jista’ jsir u x ’ma jistax isir fuq art agrikola?
A: Tista ssir kwalunkwe attivita oħra basta ma taffettwax l-attivitajiet agrikoli jew tikkawża degradazzjoni ambjentali.
Q: Nista’ nuża l-art agrikola tiegħi għal skop ta’ rikreazzjoni?
A: Iva, art agrikola tista’ tintuża għal attivitajiet rikreattivi sakemm ma timpattax jew ma tippermettix li titwettaq attività agrikola, Eżempju, tista tagħmel picnic jew BBQ fil-ġenb tal-għalqa, qalb is-siġar, jew meta l-art tkun mistrieħa.
Q: Nista’ nikkaċċja fl-għelieqi tiegħi?
A: Iva, għalkemm il-kaċċa u l-insib m’humiex attivitajiet agrikoli, dawn jistgħu jiġu prattikati sakemm ma jostakolawx l-attività agrikola.
Q: Jista’ jkolli mansab fl-għelieqi tiegħi?
A: Iva, mansab huwa meqjus bħala struttura temporanja li jitpoġġa għall-perjodu qasir u għalhekk ma jtellifx l-attività agrikola minima li tista’ titwettaq fil-kumplament tas-sena. Tajjeb li wieħed jiżgura li għandu l-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti.
Q: Jien xtrajt biċċa art agrikola u m’għandix interess li nipproduċi prodotti agrikoli, se nkun qed nikser il-liġi?
A: Le, il-liġi tobbliga li l-art tinżamm fi stat tajjeb għall-kultivazzjoni u tinħarat mill-inqas darba fis-sena. Barra minn hekk l-art agrikola tista’ titħawwel bi speċi ta’ pjanti selvaġġi bħala parti minn miżuri agroambjentali.
Q: Il-pjan tal-għelejjel jew ta’ kultivazzjoni (crop plan) irid jiġi sottomess anke jekk jien mhux se nkabbar prodotti tal-ikel, imma se nwettaq l-attività minima?
A: Le, il-pjan tal-uċuħ irid jiġi sottomess biss jekk se jitkabbru prodotti agrikoli, inkluż siġar tal-frott. M’ intix obligat li tissottometti pjan tal-uċuħ jekk se tkabbar prodotti għal kunsum personali u ma tużax fertiliżżanti skond il-liġi sussidjarja 549.66 – Regolamenti tal-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati. Jekk għandek bżonn tara eżempju tal-pjan tal-uċuħ, tista’ tarah hawn
Q: Għandi għalqa f’ irdum li hu diffiċli li naħdimha, se nkun meqjus li qed nikser il-liġi?
A: Il-liġi tipprovdi għal eżenzjonijiet, fejn id-Direttur jista’ jeżenta lil kwalunkwe persuna mill-obbligu ta’ twettieq ta’ attività minima.
Q: Għandna nuqqas ta’ qbil bejn l-aħwa, min se jaħdem l-art u min ser jirreġistraha, x’ nista’ nagħmel?
A: F’ dawn il-każijiet, tista’ tintalab eżenzjoni mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni lid-Direttur.
Q: Liema attivitajiet huma projbiti fuq art agrikola?
A: L-attivitajiet li ġejjin huma projbiti:
• It-taħlit tal-ħamrija mal-ġebel jew materjali oħra li jistgħu jiddeterjoraw il-ħamrija.
• Il-kisi tal-ħamrija bil-konkos, ġebel, jew materjali simili.
• Id-depożitu ta’ oġġetti akbar minn żewġ metri kwadri fuq il-ħamrija għal aktar minn tletin jum.
• L-użu ta’ makkinarju tqil jew agrikolu fuq ħamrija li tkun mifqugħa bl-ilma;.
• Ħruq ta’ qasab u fdal tal-ħaxix f’ żoni akbar minn għaxar metri kwadri għal kull tumolo ta’ art, ħlief b’ ordni ta’ awtorità kompetenti.
Q: X’ inhuma l-obbligi tal-bidwi?
A: Il-bdiewa jew id-detenturi ta’ titoli validi għandhom:
• Jirreġistraw art agrikola fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti.
• Jissottomettu pjan tal-uċuħ tar-raba’ li jagħti dettalji dwar l-attivita’ agrikola tagħhom għal sena agrikola waħda jew aktar jekk se jitkabbru prodotti agrikoli.
• Tiżgura li l-art agrikola tkun salvagwardjata minn theddid u danni, u żżomm il-potenzjal naturali tal-produzzjoni tagħha.
• Tmexxi livell minimu ta’ attivita’ agrikola.
Q: X ’jiġri jekk ma tirreġistrax l-art (Regolament 9)?
A: Jekk art agrikola ma tkunx reġistrata taħt xi persuna, jitwaħħal avviż fis-sit tal-art agrikola u jinħareġ avviż tal-Gvern li jordna li kull persuna li jkollha interess f ’dik l-art agrikola tiddikjara u tiddeskrivi dak l-interess fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni. Jekk ma ssirx dikjarazzjoni, Riżorsi Agrikoli Malta tirreġistra l-art agrikola u takkwista pussess temporanju ta’ l-art u jkollha s-setgħa li tallokaha għall-attività agrikola.
Q: Il-Gvern jista jeħodli l-art privata tiegħi?
A: Le, l-ebda art irreġistrata mhu se tittieħed. Il-Gvern jintervjeni biss jekk l-art tkun abbandunata u ma tkun ta’ ħadd, wara li titwaħħal notifika fuq il-post u jkun ippubblikat avviż fil-gazzetta tal-Gvern. L-art tista’ terġa’ lura għand is-sid tagħha jekk jipprovdi evidenza ta’ titlu validu u jirreġistraha.
Q: Hemm bżonn li nerġa ’nirreġistra l-art tiegħi jekk din tkun diġa’ reġistrata mad-Direttorat?
A: Le, m’ għandekx bżonn terġa’ tirreġistra l-art tiegħek jekk din tkun diġa’ reġistrata mad-Direttorat. Ir-reġistrazzjoni eżistenti tibqa’ valida, u inti konformi mar-regolamenti.
Q: X ’jista’ jsir biex art agrikola tirritorna lis-sid ġaladarba tkun ġiet posseduta skont ir-Regolament 9?
A: Jekk titolu validu fuq dik l-art agrikola jiġi ppruvat għas-sodisfazzjon tad-Direttur, l-art tiġi dereġistrata minn Riżorsi Agrikoli Malta fi tmiem is-sena agrikola li fiha t-titolu validu jiġi stabbilit u reġistrat favur id-detentur tat-titolu. Madankollu, din ir-reġistrazzjoni tkun effettiva biss jekk kull multa, miżata jew debitu ieħor skond ir-regolamenti jiġi mħallas mid-detentur tat-titolu u li jobbliga ruħu li jirreġistra l-art u jwettaq attivita agrikola minima skond ir-regolamenti. Barra min hekk, id-detentur għandu dritt għall-ħlas ta’ kwalunkwe ammont miġbur min Riżorsi Agrikoli Malta.
Jekk inti l-persuna responsabbli mill-manutenzjoni jew il-kultivazzjoni tal-art agrikola, tista’ tirreġistra l-għelieqi tiegħek billi żżur il-One Stop Shop tal-Agrihub (Għammieri) jew il-Farm Esperimentali tal-Gvern fix-Xewkija.
Il-ħinijiet tal-ftuħ għall- One Stop Shop tal-Agrihub (Għammieri) huma kif ġejjin:
Xitwa: mit-Tnejn sal-Ħamis mis-7:30am san-12:30pm, u l-Ġimgħa mill-11:00am sat-3:00pm.
Sajf: 7:30am sal-11:30am
Għal aktar informazzjoni jekk tixtieq iżżur il-Farm Esperimentali tal-Gvern fix-Xewkija, ġentilment ikkuntattjahom fuq 2215 6951.
Alternattivament, tista’ tapplika wkoll online permezz tal-formola elettronika tagħna disponibbli fuq dan il-link: