Trasferiment tal-Ħamrija

Skont l-Att dwar il-Konservazzjoni ta’ Ħamrija Għammiela, ebda persuna ma tista’:

  • Għall-ebda raġuni/għan iġġorr ħamrija għammiela minn post għal ieħor fi kwantitajiet ta aktar minn nofs metru kubu kull vjaġġ/vjeġġ, mingħajr ma tkun kisbet minn qabel il-permess bil-miktub tad-Direttur;
  • tħallat ħamrija għammiela ma’ ġebel jew materjal ieħor;
  • tgħatti xi ħamrija għammiela b’ ebda saff ta’ konkos, ġebel, ċnagen, jew b’xi materjal ieħor simili, sakemm ma jkunx ta’ benefiċċju għall-agrikoltura mid-Direttur jew mill-ispettur/uffiċċjal;
  • tiddepożita fuq ħamrija għammiela jew tħalli fuq ħamrija għammiela xi oġġett jew oġġetti li jkollhom area ta’ iktar minn żewġ metri kwadri, għal aktar minn tletin (30) ġurnata wara avviż bil-miktub għat-tneħħija maħruġ mid-Direttur; jew
  • tiddepożita, jew tħalli ddepożitata, xi ħamrija għammiela li mhix tajba biex tiġi użata għall-agrikoltura wara li d-Direttur ikun avża bil-miktub lil dik il-persuna.

Rigward xogħol ta’ bini

Ebda persuna ma tista’ ttella’, jew tippermetti jew tħalli li jittella , xi bini, jew xi parti minn pedament ta’ xi bini, qabel ma l-applikant jagħti avviż bil-miktub ta’ tmienja u erbgħin siegħa fuq formula preskritta permezz ta’ posta reġistrata lid-Direttur, u qabel ma tkun ġarret għall-ispejjeż tagħha, il-ħamrija għammiela kollha li jkun hemm fuq l-art fejn ikun se jittella l-bini, kemm fi proprjetà tagħha jew għal xi art oħra kif muri mid-Direttur, u f’kull każ, il-ħamrija tkun depożitata kif approvat mill-imsemmi Direttur, liema approvazzjoni trid tingħata fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol.

Bażi Legali

Att dwar il-Konservazzjoni ta’ Ħamrija Għammiela (KAP 236)

Avviż Legali 342 tal-2020

Rwol tad-Direttorati

Id-Direttur jew kwalunkwe spettur/uffiċċjal awtorizzat mid-Direttur jista jidħol fuq kwalunkwe art li fuqha jkun għaddej xogħol ta’ bini, jew li fuqha jkun se jinbena kwalunkwe bini, sabiex jaċċerta li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att qed jiġu jew kienu osservati.

Trid tiġi sottomessa applikazzjoni lid-Direttur meta kwalunkwe persuna għandha l-ħsieb li:

a) ġġorr ħamrija għammiela f’xi post fi kwantitajiet ikbar minn nofs (1/2) metru kubu f’kull okkażjoni waħda;
(b) temporanjament tgħatti xi ħamrija għammiela b’ ebda saff ta’ konkos, ġebel, ċnagen, jew b’xi materjal ieħor simili;
(c) tiddepożita fuq ħamrija għammiela, jew tħalli fuq ħamrija għammiela, xi oġġett jew oġġetti li jkollhom area ta’ iktar minn żewġ (2) metri kwadri għal żmien ta’ aktar minn tletin (30) ġurnata;
(d) twettaq attività li trendi l-ħamrija għammiela mhux adatta għal użu agrikolu u għat-twettieq ta’ attività agrikola skont ir-Regolamenti dwar Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati: L.S. 549.66.

Persuna għandha timla applikazzjoni li trid tiġi sottomessa lid-Direttur u għandha tinkludi u tiddikjara fl-applikazzjoni tagħha:

(a) pjanti li jindikaw:

(i) is-sit minn fejn huwa maħsub li titneħħa dik il-ħamrija għammiela
(ii) is-sit fejn il-ħamrija għammiela se tkun mgħottija temporanjament;
(iii) is-sit fejn dik il-ħamrija għammiela hija maħsuba li tiġi depożitata;
(iv) is-sit fejn se ssir kwalunkwe attività temporanja, li se trendi l-ħamrija għammiela mhux adatta għal użu agrikolu;

(b) Permessi tal-iżvilupp u/jew ambjentali fejn applikabbli;

(c) L-isem, l-indirizz, numru tal-VAT u numru tal-mobile tal-kuntrattur ingaġġat biex iwettaq ix-xogħolijiet u/jew transport tal-ħamrija. Wieħed għandu jinkludi l-pjanċi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi kollha li se jġorru il-ħamrija;

(d) Rapport agronomiku li għandu jinkludi l-informazzjoni kollha imsemmija hawn taħt:


1. Raġuni dettaljata għalxiex se jsir it-trasferiment tal-ħamrija fertili li tinkludi spjegazzjoni li tiġġustifika t-tneħħija u d-depożitu ta’ din il-ħamrija;
2. Deskrizzjoni tal-metodu kif il-ħamrija se titneħħa, tinġarr u tiġi depożitata, inkluż id-dettalji tal-makkinarju li se jiġi uzat;
3. il-volum approssimattiv ta’ ħamrija fertili li se tiġi trasferita u l-kobor tal-għalqa fejn se tiġi depożitata;
4. informazzjoni ddettaljata dwar il-karatteristiċi li jinkludu l-istruttura, t-tip (ramlija, taflija, bajjad u ħamri)

– b’ kemm se jogħla l-livell tal-ħamrija wara li tiġi depożitata
– l-inklinazzjoni/qlib tal-għalqa
– kapaċita ta kemm tiflaħ tiġi depożitata ħamrija fl-għalqa

Nota: L-attivitajiet imsemmija għandhom ikunu applikabbli biss jekk tali attività se ssir fi kwalunkwe sit elenkat fl-Avviż tal-Iskeda tal-Lista ta’ Postijiet fejn Ħamrija Għammiela tista’ tiġi ddepożitata jew f’art agrikola reġistrata f’termini tar-Regolament 13 tar-Regolamenti dwar Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati.

 

Proċedura wara li tintlaqa l-applikazzjoni

1. Id-Direttorat tal-Agrikoltura japprova/ma japprovax ir-Rapport Agronomiku
2. Il-permess ta’ ġarr tal-ħamrija jinħareġ sakemm l-applikant jipprezenta lid-Direttorat tal-Agrikoltura permess ta’ żvilupp approvat
3. Hekk kif ix-xogħol jitlesta, jinħareg rapport ta’ konformita mid-Direttorat tal-Agrikoltura

 

Riżorsi

Applikazzjoni għal talba għal tneħħija għad-Direttorat tal-Agrikoltura. Ikklikkja hawn