- L-Iskema tal-Kwalità tal-Inbejjed DOK u IĠT
- Skema Nazzjonali għall-Prodotti ta' Kwalitá
- Prodotti Agri-Alimentari Tradizzjonali ta' Malta
- Assigurazzjoni għall-Konsumaturi u Korpi ta' Kontroll tal-UE
- Database għal Malta ta' Materjali Riproduttivi ta' Pjanti Organiċi
- Il-Produzzjoni Organika u t-Tikkettar ta' Prodotti Organiċi
Skema Nazzjonali għall-Prodotti ta' Kwalitá
Introduzzjoni
L-Iskema Nazzjonali tal-‘Prodotti ta’ Kwalità’ hija skema volontarja nazzjonali rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea, miftuħa għall-atturi interessati kollha li jagħmlu parti minn katina ta’ valur agrikolu rikonoxxuta, involuti f’sett ta’ attivitajiet li kollettivament iżidu l-valur ta’ prodott agrikolu speċifiku. Dan jista’ jinvolvi l-Produzzjoni, l-Ipproċessar, l-Ippakkjar, il-Ħażna, it-Trasport u d-Distribuzzjoni ta’ prodott agrikolu. Din l-iskema nazzjonali tistabbilixxi speċifikazzjonijiet vinkolanti ta’ prodotti jew metodi ta’ produzzjoni li jirrikonoxxu metodi ta’ produzzjoni u biedja u dawk l-elementi li jikkaratterizzaw il-kwalità superjuri tal-prodott.
L-iskema hija bbażata fuq erba’ pilastri, speċifikament:
-
Standard
L-iżvilupp ta’ standards speċifiċi (f’kollaborazzjoni mal-partijiet interessati) għal prodotti tal-ikel fejn il-prodotti finali għandu jkollhom karatteristiċi speċifiċi tal-prodott, jew l-ispeċifiċità tagħhom hija bbażata fuq biedja jew metodi ta’ produzzjoni speċifiċi jew jekk il-kwalità tal-prodotti tmur lil hinn b’mod sinifikanti mill-istandards kummerċjali fir-rigward tas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti, il-benesseri tal-annimali jew il-ħarsien ambjentali. L-Istandards tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott approvati mill-Kummissjoni Ewropea jistgħu jiġu aċċessati hawn.
-
Kontrolli
Wara espressjoni ta’ interess, il-Korpi ta’ Kontroll approvati mid-Direttorat iwettqu spezzjonijiet fuq il-post kif stabbilit fil-pjan ta’ kontroll biex tiġi żgurata l-konformità mal-kriterji ta’ produzzjoni stabbiliti fl-istandard. Kwalunkwe entità li tixtieq tikseb approvazzjoni bħala korp ta’ kontroll tista’ tapplika għal rikonoxximent skont il-linji gwida pprovduti.
-
Traċċabbiltà
Tfasslet sistema ta’ traċċabbiltà bbażata fuq il-web li hija aċċessibbli mill-partijiet interessati kollha involuti fil-produzzjoni ta’ prodotti ċertifikati sabiex tgħinhom jittraċċaw il-moviment tal-prodott fil-katina tal-valur. Kwalunkwe attur li jixtieq jieħu sehem fl-iskema għandu jissottometti dokument tat-traċċabbiltà konformi mal-linji gwida stabbiliti mid-Direttur.
-
Sorveljanza tas-Suq
Id-Direttorat se jwettaq spezzjonijiet tas-suq regolari biex jiżgura li huma biss il-prodotti u l-lottijiet iddikjarati jkunu identifikati bil-logo.
Objettiv
L-Iskema Nazzjonali tal-‘Prodotti ta’ Kwalità’ għandha żewġ objettivi ewlenin:
- Li tippromwovi, tikkwalifika u xxerred prodotti agrikoli sabiex tagħtihom valur, kif ukoll toħloq kuxjenza u apprezzament għal tali prodotti.
- Li tikseb iċ-ċertifikazzjoni tal-Marka ta’ Kwalità rikonoxxuta nazzjonalment li turi li l-prodott/i inkwistjoni huma rikonoxxuti u jaderixxu mar-regolamenti stabbiliti tal-iskema tal-kwalità u għaldaqstant għandhom jitqiesu ta’ kwalità superjuri.
Rwol tad-Direttorat
Ir-rwol tad-Direttorat tal-Agrikoltura permezz tat-Taqsima tal-Politika Regolatorja huwa li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tal-iskema, il-kriterji amministrattivi, jippubblika speċifikazzjonijiet vinkolanti għall-prodott u l-metodi u jimplimenta sistema ta’ kontroll effettiva li tiżgura li dawk il-prodotti li jaqgħu taħt din l-iskema jissodisfaw l-istandards ta’ kwalità superjuri stabbiliti. Għal prodotti agrikoli li għalihom għad ma ġewx stabbiliti u approvati l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott mill-Kummissjoni Ewropea, tista’ tiġi ppreżentata proposta tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott lid-Direttur għal rieżami, minn kwalunkwe attur li jixtieq jieħu sehem fl-Iskema Nazzjonali tal-‘Prodotti ta’ Kwalità’.
Bażi Legali
LS 427.90 Regolamenti dwar l-Istabbiliment ta’ Skema Nazzjonali tal-‘Prodotti ta’ Kwalità’.
Aktar Informazzjoni
Tikkettar tal-Prodotti tal-Iskema Nazzjonali tal-‘Prodotti ta’ Kwalità’
Il-prodott li huma konformi mal-Iskema Nazzjonali tal-‘Prodotti ta’ Kwalità’, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni meħtieġa oħra stipulata minn regolamenti oħrajn, għandu jkollu l-logo li jidentifika l-marka “Prodotti ta’ Kwalità” u l-isem tal-prodott stabbilit rikonoxxut għal dik il-katina tal-valur. Kwalunkwe operatur li jieħu sehem fl-iskema li qed jaħseb biex juża l-Logo tal-‘Marka ta’ Kwalità’ għandu jsegwi r-Regoli għall-użu tal-Marka ta’ Kwalità.
LOGO TAL-ISKEMA NAZZJONALI TAL-PRODOTTI TA’ KWALITÀ
Kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fl-iskema
Sabiex attur ikun jista’ jieħu sehem fl-iskema, l-attur għandu jissodisfa l-kriterji amministrattivi stabbiliti mid-Direttur u għandu jissodisfa dan li ġej:
a) Josserva r-Regolamenti Nazzjonali u tal-UE kollha applikabbli relatati mal-produzzjoni ta’ prodotti agrialimentari u l-kundizzjonijiet tal-impjieg;
b) Isegwi r-regoli għall-implimentazzjoni tal-iskema kif stabbiliti mid-Direttur;
c) Josserva l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott relatati mal-prodott li għalih qed tintalab il-parteċipazzjoni fl-iskema;
d) Ikun soġġett għal sistema ta’ kontrolli ma’ Korp ta’ Kontroll rikonoxxut mid-Direttorat;
e) Jadotta sistema ta’ traċċabbiltà konformi mal-linji gwida stabbiliti mid-Direttur fil-Gazzetta tal-Gvern.
Attur li jixtieq jieħu sehem fl-Iskema għandu jissottometti formola ta’ applikazzjoni lid-Direttorat tal-Agrikoltura li tista’ tiġi aċċessata mil-links li ġejjin:
a) Ibbażat fuq l-annimali: MT
b) Ibbażat fuq l-art: MT
Id-Direttur, qed kif jirċievi l-applikazzjoni, jivverifika li l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa jkunu ġew sottomessi u li l-applikant jissodisfa l-kriterji meħtieġa. Jekk l-informazzjoni hija vverifikata li hija korretta u l-applikant jissodisfa dawn il-kriterji, l-attur jidħol f’sistema ta’ kontrolli li, jekk jirnexxi, fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal ċertifikat ta’ aderenza mal-Iskema Nazzjonali tal-‘Prodotti ta’ Kwalità’. Il-Linji Gwida għall-proċedura fil-parteċipazzjoni fil-PQNS. Il-Linji Gwida għall-proċedura fil-parteċipazzjoni fil-PQNS
Aktar Informazzjoni / Linji Gwida / Katalogi / Links għall-Formoli tal-Applikazzjoni
Standards għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
Kuntatt
Skemi Nazzjonali tal-Prodotti ta’ Kwalità
- L-Iskema tal-Kwalità tal-Inbejjed DOK u IĠT
- Skema Nazzjonali għall-Prodotti ta' Kwalitá
- Prodotti Agri-Alimentari Tradizzjonali ta' Malta
- Assigurazzjoni għall-Konsumaturi u Korpi ta' Kontroll tal-UE
- Database għal Malta ta' Materjali Riproduttivi ta' Pjanti Organiċi
- Il-Produzzjoni Organika u t-Tikkettar ta' Prodotti Organiċi