Il-Produzzjoni Organika u t-Tikkettar ta' Prodotti Organiċi

Il-biedja organika hija forma sostenibbli ta’ agrikoltura li tfittex li tipprovdi lill-konsumatur b’ikel naturali frisk, b’togħma tajba u bnin filwaqt li jirrispetta s-sistemi taċ-ċiklu tal-ħajja naturali.

Il-mira tal-produzzjoni organika hija li jiġi prodott ikel billi jintużaw sustanzi u proċessi naturali li jagħmlu enfasi qawwija fuq il-protezzjoni ambjentali, il-benesseri tal-annimali fejn il-konsumaturi jkunu fiduċjużi fix-xiri tagħhom ta’ oġġetti li għandhom il-logo organiku tal-UE. Il-logo organiku jista’ jintuża biss fuq prodotti li ġew iċċertifikati bħala organiċi minn korp u/jew awtorità ta’ ċertifikazzjoni uffiċjali.

Il-Biedja Organika hija kkaratterizzata bin-newba tal-għelejjel, limiti stretti ħafna fuq pestiċidi sintetiċi kimiċi u l-użu ta’ fertilizzanti sintetiċi, antibijotiċi għall-bhejjem, addittivi fl-ikel u għajnuniet għall-ipproċessar, u projbizzjoni assoluta tal-użu ta’ organiżmi ġenetikament modifikati.

Organic Vegetables on show

Livelli għoljin tal-benesseri tal-annimali huma obbligatorji, il-bhejjem jitrabbew f’sistemi bl-arja aperta fil-beraħ u jiġu pprovduti b’għalf organiku u fejn jintużaw prattiki ta’ trobbija tal-annimali xierqa skont l-ispeċi differenti tal-bhejjem.

Il-biedja organika tagħmel parti minn katina tal-provvista akbar, li tinkludi fiha l-ipproċessar tal-ikel, is-setturi tad-distribuzzjoni u tal-bejgħ u, fl-aħħar mill-aħħar, il-konsumatur. Għalhekk, kull darba li tixtri insalata organika mis-supermarket lokali tiegħek, jew tagħżel inbid organiku mill-menù fir-ristorant favorit tiegħek, tista’ tkun ċert(a) li dawn kien prodotti skont regoli stretti mmirati biex jirrispettaw l-ambjent u l-annimali.

Is-settur organiku huwa meqjus bħala pivotali għall-futur tal-biedja sabiex jiġu żgurati prattiki tal-biedja sostenibbli, ikel aktar bnin, sistemi tat-traċċabbiltà rikonoxxuti internazzjonalment kif ukoll jgħin biex jindirizza d-domandi tas-suq dejjem jiżdiedu biex b’dan il-produzzjoni organika saret parti ewlenija tal-objettivi tal-politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Ir-Rwol Tagħna:

Ir-rwol tad-Direttorat tal-Agrikoltura huwa li jservi bħala l-Awtorità Kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar u biex jistabbilixxi u jimplimenta qafas leġiżlattiv nazzjonali fejn jiżgura li l-operaturi li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti organiċi huma ċċertifikati u jaderixxu mad-dispożizzjonijiet meħtieġa.
Għandu l-mira wkoll li:

• Jippromwovi u jżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-biedja organika fil-Gżejjer Maltin.
• Jiżviluppa sistema ta’ agrikoltura sostenibbli li tista’ tiggarantixxi produzzjoni ta’ ikel adegwata fil-futur prevedibbli.
• Joħloq ambjent fejn il-biedja organika ssir fattibbli.
• Jikkomunika u jikkonforma mar-regolamenti tal-Kummissjoni Ewropea.
• Jinforma u jgħin lill-produtturi organiċi.
• Iwettaq kontrolli fuq il-post regolari permezz ta’ sorveljanza tas-suq.
• Iwettaq kontrolli ta’ awditjar fuq l-awtorità ta’ kontroll u l-korp ta’ kontroll.
• Jawtorizza l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi.
• Ikabbar għelejjel organiċi esperimentali fir-Razzett tal-Gvern.
• Iżomm data statistika kif meħtieġ u jibgħat tali informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Logo Organiku tal-UE

eu organic logo