L-Iskema tal-Kwalità tal-Inbejjed DOK u IĠT

Inbejjed ta’ kwalità

Ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar l-inbejjed jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi għall-inbejjed tal-mejda biex ikunu kkummerċjalizzati bħala tali. L-inbejjed tal-mejda m’għandhomx rabta ma’ territorju partikolari.

Min-naħa l-oħra, inbejjed b’Indikazzjoni Ġeografika (DOP jew IĠP) għandhom rabta diretta mat-territorju tal-produzzjoni u permezz ta’ regoli tal-produzzjoni aktar stretti, il-kwalità tal-inbid tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti għal inbid tal-mejda.

Malta għandha tliet inbejjed IĠ: IĠT ‘Maltese Islands’, DOK ‘Malta’ u DOK ‘Gozo’. L-IĠT ‘Maltese Islands’ huwa nbid prodott minn għeneb ikkultivat fil-gżejjer u għandu protokoll tal-produzzjoni li jillimita r-rendiment tal-għeneb għal kull ettaru biex tinkiseb kwalità ogħla mill-inbejjed tal-mejda.

DOK ‘Malta’ u DOK ‘Gozo’ huma nbejjed li jiksbu kwalità ferm ogħla mill-inbejjed IĠT permezz ta’ rendimenti aktar stretti għal kull ettaru, metodi ta’ kultivazzjoni u l-użu tal-varjetajiet tal-għeneb l-aktar adatti. L-għeneb għal tali nbejjed iridu jkunu prodotti esklussivament f’Malta u f’Għawdex rispettivament.

Ċertifikazzjoni

L-inbejjed li qed jiġu kkummerċjalizzati bħala DOK jew IĠT iridu jkunu iċċertifikati hekk wara proċess rigoruż li jitwettaq mid-Direttorat. Id-Direttorat isegwi l-proċess sħiħ tal-produzzjoni tal-inbid mill-bidu nett billi jevalwa l-produzzjoni u jiżgura li l-għeneb huma adatti għall-produzzjoni ta’ dawn l-inbejjed.

Meta l-inbid ikun lest, id-Direttorat jiġbor kampjuni tal-inbejjed DOK u IĠT u jibgħathom lil laboratorju barrani akkreditat għall-analiżi; dan sabiex jiġi żgurat li huma konformi mal-istandard rispettiv tagħhom. Barra dan, l-inbejjed DOK jeħtieġu wkoll li jiġu sottomessi quddiem panel ta’ assaġġaturi professjonali għall-evalwazzjoni tagħhom qabel ma jiġu ċċertifikati hekk.

Apparti mid-denominazzjonijiet miktubin fuq it-tikketti rispettivi tagħhom, l-inbejjed DOK ‘Malta’ u DOK ‘Gozo” għandhom pergamena safra ċara, filwaqt li l-inbejjed IĠT ‘Maltese Islands’ għandhom pergamena ħadra biex ikunu jistgħu jingħarfu faċilment mill-inbejjed tal-mejda li m’għandhomx dawn il-pergameni sofor u ħodor u li minflok għandhom timbru tad-dazju roża fil-forma ta’ pergamena jew timbru ċirkolari żgħir imwaħħal mal-flixkun.

Informazzjoni addizzjonali:

winesofmalta.gov.mt